Min taħseb li jkun l-aħjar Prim Ministru għal ħames snin li ġejjin?

Tuesday, December 11, 2007

Messagg minn Dr. Sant


Għeżież sħabi Rabtin,
Nifraħ magħkom illum meta flimkien qed infakkru il-25 sena minn meta ċ-Ċentru laburista preżenti fetaħ il-bibien tiegħu. Kienu bosta l-voluntiera li ħabierku sabiex il-Partit Laburista jkollu post akbar u aktar modern minn dak li kellu qabel, jiġifieri l-Każin li kien aktar l-isfel fit-Triq San Pawl biswit Triq Doni.

It-tħabrik ta’ bosta Laburisti Rabtin, fuq quddiem nett, l-Ex Agent President tar-Repubblika u Ex Ministru Laburista Pawlu Xuereb u l-Ex Ministru Laburista t-Tabib Daniel Micallef, ma bosta voluntiera, wasslu sabiex nhar is-sebgha ta’ Diċembru 1982 il-Perit Duminku Mintoff, dakinhar Prim Ministru, inawgura dan iċ-Ċentru.

Minn dakinhar sal-lum, saret kull forma ta’ ħidma f’dan iċ-Ċentu, mijiet ta’ laqgħat u attivitajiet ta’ kull xorta. Pero’ l-għan jibqa dejjem l-istess wieħed, dak li l-messaġġ tal-Partit Laburista jasal għand kulħadd. Naturalment dan kollu sar bl-għajnuna ta’ bosta minnkom, li tul dan iż-żmien, ħdimtu fil-kumitati u barra bħala voluntiera fi ħdan il-Partit Laburista fir-Rabat.
Għalhekk illum qed nifraħ magħkom, imma wkoll bħala Mexxej tal-Partit nirringrazzjakhom tax-xogħol kbir li għamiltu. Kien bid-determinazzjoni u l-impenn kontinwu tagħkom li lħaqna dawn ir-riżultati. Minn dan iċ-Ċentru, sar ix-xogħol sabiex illum fir-Rabat għandna l-Kunsill Lokali Laburista li mpennja ruħu sabiex iwettaq ix-xogħol li sebbaħ ir-Rabat u għamlu fost l-isbaħ f’pajjiżna. Sar xogħol kbir mill-istess Kunsill Lokali f’kull qasam b’risq ir-Rabtin kollha. Dan ikompli iħalli l-ġid fir-Rabat.

Irridu issa nħarsu l’quddiem. Irridu naħdmu lkoll flimkien; għalhekk fassalna l-Pjan Għal Bidu Ġdid biex niprovdu viżjoni għal Malta. Għanda ħafna proposti konkreti li nwettqu flimkien. Nissuktaw fil-ħidma, imma wkoll inkomplu nħejju l-għodda tagħna sabiex ix-xogħol ikun aktar effettiv. B’dan l-impenn, nersqu l-quddiem flimkien sabiex fil-futur qrib lil pajjiżna intuħ Bidu Ġdid b’Xogħol, Ħarsien u Dinjita’.
Alfred Sant
Mexxej

No comments: